Id-dagħa importanti għall-istudjużi tal-Malti

Illum li tkun ġo xi ħanut jew tistenna karozza tal-linja u tisma’ xi ħadd jiġbed xi waħda hija komuni, iżda fi żmien l-inkwiżizzjoni persuna bħal dan malajr kien jispiċċa quddiem l-inkwiżitur.
Dak iż-żmien, il-Malti kien jaf jitkellem biss bil-lingwa tiegħu, iżda l-iskrivan tal-inkwiżitur kien jisma’ d-dawgħa u jiktibha bit-Taljan. Iżda f’każijiet rari kien jiktibha kif jismagħha.
Dan il-ftit dagħa li għandna miktub bil-Malti jikxef elementi qodma tal-grammatika Maltija.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Olvin Vella, lettur tal-Malti fl-Università, li nhar il-Ħamis 27 ta’ Novembru, se jkun qed jagħmel taħdita dwar dan fil-Palazz tal-Inkwiżitur.
Vella spjega li fl-istorja tal-Ilsien Malti ftit huma d-dokumenti miktuba bl-Ilsien Malti. Insibu ftit omeliji u aktar tard xi ftit kurunelli iżda eqdem minnhom hemm id-dagħa.
Il-ftit dagħa li l-iskrivan tal-inkwiżitur kiteb bit-Taljan iżda niżżlu wkoll bil-Malti għandu valur kbir għal-lingwa.
Olvin Vella qal li minn dan id-dagħa, l-istudjużi tal-Malti skoprew kliem antik li llum intilef għal kollox, ċertu plurali li llum ftit li xejn jintuża u anke minn fejn ġejja l-imġieba tal-idjomi Maltin.
Żied li t-taħdita “mhux se tkun festival ta’ kliem faħxi” iżda min se jattendi se jitgħallem l-użu u t-tifsir ta’ kliem antik u kif inbidel illum.
It-taħdita li qed issir bħala parti mill-wirja dwar l-inkwiżizzjoni Rumana f'Malta tibda fis-7:00pm.