Iċemplu lil 179 għax għandhom bżonn xi ħadd ma’ min jitkellmu

Read in English.

Filwaqt li l-voluntiera tas-Supportline 179 huma mħarrġa biex jgħinu kriżijiet psikoloġiċi u sitwazzjonijiet diffiċli, jidher li ħafna persuni li jċemplu għandhom sempliċiment bżonn xi ħadd ma’ min jitkellmu.

Ilbieraħ filgħaxija fil-Parlament, ġew ippreżentati figuri dwar it-telefonati li saru lis-Supportline 179 matul l-ewwel nofs tal-2019. Dan wara mistoqsija tal-whip tal-Gvern Byron Camilleri. Kien hemm total ta’ 6,359 telefonata bejn Jannar u Ġunju, skont l-istatistika pprovduta mill-Ministru għall-Familja Michael Falzon. It-telefonati kienu dwar problem varji.

2,000 telefonata saru minn persuni li xtaqu jsibu persuna li tismagħhom, filwaqt li 611-il persuna oħra qalu li għamlu dawn it-telefonati sabiex isibu sapport wara li spiċċaw iħossuhom waħedhom.

Ħafna telefonati kienu jduru ma’ problemi fil-familja. Kien hemm 469 telefonata dwar vjolenza domestika, 207 telefonati dwar abbuż fuq it-tfal u 684 telefonata dwar problemi oħra fil-familja, inkluż problemi bejn koppji miżżewġa u problemi fir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal.

Total ta 162 telefonata kellhom x’jaqsmu ma’ vizzji, 62 mal-alkoħol, 89 mad-droga u 11 mal-logħob tal-flus.

Il-mistoqsija ta’ Camilleri speċifikament staqsiet dwar telefonati ġenwini. Madanakollu huwa magħruf li l-helpline jirċievi bosta telefonati foloz. Figuri li kienu ħarġu xi snin ilu juru li madwar terz tat-telefonati kienu ġejjin minn persuni li kitbu xi numru ħażin, jew inkellha qatgħu malli xi ħadd wieġeb. Oħrajn ċemplu bħala ċajta.

Il-linja tat-telefon hija mmexxija minn Aġenzija Appoġġ. Numru ta’ voluntiera li jirċievu taħriġ professjonali jkunu qed iwieġbu t-telefonati.