Iċempillu lura Papa Franġisku

Fl-Italja, Michele Ferri kien għadu kif tilef lil ħuh li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar waqt serqa li saret fin-negozju ta’ ħuh.

Xi ftit jiem wara waslitlu telefonata mhux mistennija u għal kelma ‘pronto’, it-tweġiba kienet ‘ciao Michele, sono Papa Francesco’.

Michele qal dan fuq il-paġna  tiegħu ta’ facebook. Huwa jiġi ħu Andrea ta’ 51 sena minn Pesaro, sid ta’ pompa tal-petrol li fl-4 ta’ Ġunju li għadda nqatel meta ġew sparati lejh tiri ta’ arma tan-nar waqt serqa.  Andrea kien raġel tal-familja, u fil-ħajja kien ta’ għajnuna kbira lil Michele.

Kien l-istess Michele, li maħkum minn disperazzjoni kiteb ittra lill-Papa Franġisku, iżda qatt ma seta’ jobsor  li l-Papa Franġisku kien se jkellmu direttament.

Michele kompla jgħid li l-kontenut tad-diskursata mal-Papa xtaq iżommha għalih.   Iżda l-Papa wassal il-kondoljanzi tiegħu u qallu biex iwassalhom lil familja ta’ ħuh u kliem ta' inkoraġġiment.

Sadanittant, żewg persuni kienu arrestati dwar dan il-każ u tressqu l-qorti akkużati bl-omiċidju.