Raġel ċempel lill-pulizija ppanikjat jitlob għall-għajnuna peress li qal li wieħed li kien joqgħod miegħu qabel tfaċċa u beda jheddu bil-vjolenza. Meta l-pulizija marru fil-flett tiegħu, sabu 5 kilogrammi tal-kannabis ġol-washing machine.
L-akkużat, Rumen ta’ 31 sena li joqgħod il-Qawra, tressaq il-qorti ftit sigħat wara t-telefonata tiegħu lill-pulizija.
L-Ispettur Clayton Camilleri mill-Prosekuzzjoni spjega kif ir-raġel allegament ċempel lill-pulizija jgħidilhom li tfaċċaw wara biebu klikka ta’ erba’ persuni, fosthom raġel li hu bodybuilder li kien joqgħod miegħu. Huwa allegatament twerwer u beda jaqbeż minn gallarija għal oħra biex jaħrab minnhom.
Meta l-pulizija waslu fil-flett fil-Qawra, xammew riħa qawwija ta’ kannabis, u eventwalment traċċawha sal-washing machine, sal-landa taż-żibel u anke moħbija taħt numru ta’ boroż taż-żibel fil-gallarija.
L-Ispettur qal li l-qabda kienet ta’ 5 kilogrammi kannabis, u qal li l-pulizija sabu wkoll madwar €4,000 flus kontanti fil-flett. Mal-akkużat joqogħdu raġel ieħor u t-tfajla tiegħu.
Ir-Rumen qal lill-pulizija li ilu sena u nofs joqgħod Malta, u li ma kellux idea dwar id-drogi. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ pussess aggravat tal-kannabis, u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan peress li r-raġel m’għandux rabtiet fissi ma’ Malta.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li r-raġel jinżamm arrestat. Hija ordnat li l-assi tiegħu jiġu ffriżati.