Iċedi saqaf fil-binja tal-Borża ta’ Jakarta; 72 midruba

Għexieren ta’ persuni ndarbu fl-Indoneżja, wara li ċeda saqaf fil-binja tal-Borża ta’ Jakarta.
L-ewwel ċifri juru li ndarbu 72 persuna li qed jingħataw kura fi tliet sptarijiet differenti fil-kapitali.  
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, ħin tal-post, meta għadd ta’ impjegati ħarġu biex jieklu. Madanakollu fil-binja kien għad hemm mijiet ta’ persuni. F’ħin minnhom fuq il-post kien hemm 15-il ambulanza.
Għadu mhux ċar x’wassal biex ċeda s-saqaf, iżda ż-żona ġiet evakwata minnufih u ngħalaq l-aċċess mill-Pulizija. L-ewwel rapporti juru li ma kienx attakk terroristiku.