Iċedi postu għal omm b’tarbija marida fuq ajruplan

Omm spiċċat tibki wara li stranġier b’qalb tajba ċeda postu fl-ogħla klassi għaliha u għal bintha.

L-omm kienet fuq titjira minn Orlando għal Philadelphia fl-Istati Unti b’bintha Lucy biex din tingħata trattament fl-isptar ta’ Philadelphia.

“Grazzi talli ntbaħt bina” – l-omm

Fuq Facebook, l-omm kitbet omaġġ lil dan l-istranġier li ntebaħ biha u bintha, li kienu kuntenti fil-postijiet li kienu, u minn jeddu talab lill-ekwipaġġ biex ibiddel postu mal-mara, ħalli tkun iktar komda fil-post iżjed lussuż.

L-omm spekulat li dan forsi ra għaddejja bil-pushchair ta’ Lucy, iġġorr magna tal-ossiġnu għal bintha li għandha kundizzjoni kronika fil-kliewi tagħha.

Hija qalet li ma setgħetx iżżomm id-dmugħ hi u miexja biex tbiddel postha, għax dan l-istranġier induna li hi u bintha kienu għaddejjin minn żmien diffiċli u ġest ta’ ġenerożità bħal dan fakkarha f’kemm hawn tjubija fid-dinja.