Jaqa’ ħajt fuq il-karozzi f’Wied il-Għajn

Aġġornat 07:27 PM

Kawża tar-riħ li bħalissa ħakem lill-Gżejjer Maltin, iġġarraf ħajt ieħor f’Wied il-Għajn. Il-ġebel ġie fuq żewġ karozzi li kien hemm ipparkjati mal-ħajt. 

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4pm fi Triq l-Aħdar Wied il-Għajn. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Iċedi ħajt fuq karozza pparkjata

Aktar kmieni llum ċeda ħajt ieħor f’Ħ’Attard hekk kif persuna qamet u sabet ammont ta’ ġebel fuq il-karozza, li kienet ipparkjata ħdejn dan il-ħajt. Konsegwenza ta’ hekk il-ġebel faqa’ l-ħġieġa tal-karozza.

Il-Pulizija qed tavża lis-sewwieqa biex isuqu bil-mod u jevitaw toroq li fihom waqgħu xi siġar konsegwenza tar-riħ. Permezz ta’ ritratt fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Pulizija avżaw biex is-sewwieqa jevitaw Triq San Pawl tal-Qlejja, il-Mosta u jużaw toroq alternattivi minħabba li bħalissa din it-triq tinsab magħluqa sakemm jitneħħew is-siġar.

Dan l-inċident mhuwiex każ iżolat tal-effetti li qed iħalli warajh dan ir-riħ. Dalgħodu ċċartet parti mit-tinda protettiva tat-tempji f’Ħaġar Qim fil-Qrendi.

Matul il-lejl li għadda nqalbu żewġ kontejners li fihom jgħixu l-immigranti fil-villaġġ tat-tined f’Ħal Far.

L-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija ta’ riefnu li għandha tibqa’ fis-seħħ sal-10pm.