Iċċempel lir-raġel biex joqtol wirdiena u jispiċċa l-qorti

Raġel li wieġeb it-telefonata tal-mara tiegħu dwar wirdiena spiċċa l-qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika.

Ir-raġel ta’ 31 sena żar id-dar fejn joqogħdu martu u ibnu, peress li hu ma joqgħodx hemm, wara li l-mara ċemplitlu għax kien hemm wirdiena d-dar. Dan wassal għal argument vjolenti bejn il-koppja li ħalla lill-mara ssofri minn ġrieħi ħfief.

Fil-qorti r-raġel qal illum li meta mar id-dar sab lil raġel ieħor ma’ martu. Ma’ din l-iskoperta r-raġel sibel u beda jargumenta ma’ martu. Spjega fil-qorti li ibnu għandu l-awtiżmu u l-għarus ta’ martu juża l-kokaina u l-alkoħol, u b’hekk ma jridux f’ħajjet ibnu.

Huwa wieġeb mhux ħati li ħebb għal martu, weġġagħha ħafif u ġegħilha tibża’ mill-vjolenza. Qal lill-Qorti li ma jaffordjax iħallas depożitu għall-ħelsien mill-arrest peress li d-depożiti bankarji tiegħu kienet ġibdithom martu. L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Paul Camilleri kkonferma dan.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €4,000 u wissiet lill-akkużat biex iżomm ‘il bogħod minn martu u mid-dar. Il-Qorti ordnat divjet fuq isem l-akkużat.