Iċċempel l-emerġenza u tordna pizza biex tirrapporta abbuż domestiku

Fl-Amerka mara li kienet qed tiġi msawta mis-sieħeb tagħha ma kellha ebda għażla oħra ħlief li ċċempel lill-pulizija u tirrapporta l-każ, iżda ovvjament, ma setgħetx tagħmel hekk quddiemu.
Minflok iddeċidiet li ċċempel l-emerġenza u meta xi ħadd qabad it-telefonata, qalet li trid tordna pizza u tat ukoll l-indirizz tad-dar.
B’xorti tajba, l-uffiċjal li rrispondiet it-telefonata indunat x’inhu jiġri, u biex tikkonferma saqsitha hix qed tiġi abbużata u jekk hux minħabba li qiegħda fil-preżenza ta’ min qed jabbużaha, hi ma tistax tgħid il-verità.
Meta l-pulizija waslu d-dar, sabu lill-mara abbużata fiżikament u lis-sieħeb tagħha xurban. Il-mara spjegat li hu ilu jagħmel hekk għal ammont ta’ żmien u l-pulizija arrestawh immedjatament.
Il-uffiċjal li qabdet it-telefonata faħħret lill-mara ta’ kemm irnexxilha toħroġ b’idea tajba malajr u qalet li din żgur se tkun waħda mit-telefonati li qatt mhi se tinsa.