AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Iċċelebrat Jum il-Ħajja 2013

Illum ġiet iċċelebrata Jum il-Ħajja 2013. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, ġiet ikkonċelebrata quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof Mons. Pawlu Cremona. Fil-bidu tal-quddiesa, huwa emfasizza li l-bniedem huwa l-qofol tal-ħolqien t’ Alla.

Waqt l-omelija, l-Isqof Cremona rringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu bis-sħiħ biex tiġi mħarsa l-ħajja tal-bniedem. Mons. Pawlu Cremona kompla jgħid li d-dinjità tal-bniedem tiġi mogħtija minn Alla u mhux minn xi liġi.

Huwa semma tliet punti relatati mal-ħajja tal-bniedem. Beda billi fakkar lil dawk preżenti li kien Alla li nefaħ in-nifs fuq il-bniedem. F’dan il-punt wera li huwa Alla biss li jagħti d-dinjità lil bniedem. It-tieni punt li semma huwa li Ġesu, waqt li kien għadu fil-ġuf t’ommu, kien diġa qed jagħti l-ħajja. Dan jinsab fl-episodju ta’ meta t-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta qabżet hekk kif semgħet it-tislima ta’ Marija. It-tielet punt kien li Ġesu jagħti lil bniedem l-imħabba kollha tiegħU.

L-Arċisqof qal li l-bniedem għandu missjoni xi jwettaq. Din hija li jkompli l-pjan t’ Alla u jkompli jħares il-ħajja ta’ kulħadd. B’hekk biss jista’ l-bniedem juri l-imħabba tiegħu lejn dawk ta’ madwaru.

Mons. Pawlu Cremona fakkar kif Ġesu għex ħajtu ma’ ħafna nies li d-dinjità tagħhom ma kinitx imħarsa. Huwa stess ġie ppersegwitat u finalment maqtul. L-Arċisqof ikkonkluda billi għamel referenza għal dawk kollha li jinsabu fit-tbatija u anke għal dawk li qed jaħdmu favur il-ħajja u jiġu maqtula.

Preżenti għal quddiesa kien hemm ħafna koppji ta’ kull età. Uħud minnhom kellhom it-tfal magħhom filwaqt li oħrajn anke qed jistennew tarbija.

Qabel il-quddiesa, il-Kulleġġ tal-Kappillani għall-Moviment Malti Tarbija li se Titwieled żar lil President Dr George Abela fil-Palazz. Wara segwiet mixja mill-Palazz sal-Kon-Katidral fejn fiha ħadu sehem l-Iscouts tax-Xgħajra u l-Guides ta’ Wied il-Għajn.