Iċċelebrat il-Jum Dinji tal-AIDS

Illum madwar id-Dinja qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji kontra l-AIDS. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa il-WHO qed iżżomm mat-tema ta’ dawn l-aħħar snin: “Getting to Zero”. Din il-kampanja kif jixhed isimha stess għandha l-għan li ġġib fix-xejn l-imwiet kawża tal-AIDS, id-diskriminazzjoni kontra persuni li jirriżultaw pożittivi għall-HIV, u infezzjonijiet ġodda.

F’Malta wkoll tkomplew l-attivitajiet marbuta ma’ dan il-Jum Dinji. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina flimkien mat-taqsima tal-Promozzjoni tas-Saħħa fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa llum qed ittella’ programm ta’ attivitajiet marbuta ma’ dan il-Jum f’ Ta’ Sliema.

Tkellimna mal-Ministru tas-Saħħa Dr Joe Cassar dwar l-attivitajiet marbuta ma’ din il-Ġurnata Dinjija.

Dan il-Jum għandu l-għan li mhux biss iqajjem kuxjenza dwar l-effetti ta’ din il-marda u dwar il-prekawzjonijiet neċessarji, iżda wkoll sabiex jippromwovi azzjoni mmedjata mill-Gvernijiet madwar id-Dinja sabiex it-trattament kontra din il-marda jkun aċċessibbli għal kulħadd.