Iċċekkja minn fejn tista’ tiġbor l-istikek tad-dijabete

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-istikek tad-dijabete jistgħu jinġabru minn aktar lokalitajiet hekk kif mal-lista eżistenti żdiedu l-Baħrija, Dingli, Fgura, Mġarr, Mtarfa u Santa Venera.

Dawn l-istikek b’xejn bdew jitqassmu f’Mejju li għadda lil dawk kollha li jbatu mid-dijabete u li huma residenti fil-lokalitajiet tal-Marsa, Ħamrun, Valletta u Floriana.

Il-Ministru Fearne qal li ta’ kull sena se jkunu qed jitqassmu mas-16-il miljun stikka lil madwar 30,000 persuna dijabetika f’pajjiżna, bl-ispiża ta’ madwar miljun ewro.

Spjega kif il-proġett kien beda fl-2016 fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek b’xejn kienu t-tfal. Wara gradwalment żdiedu d-dijabetiċi tat-Tip 1 kollha u wara d-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum filwaqt li dawk fuq il-mediċina orali jingħataw stikka waħda kuljum.

Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li minn Mejju s’issa diġà hemm 10 lokalitajiet li r-residenti tagħhom qed jingħataw l-istikek b’xejn u bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex 22 lokalità oħra tingħaqad mal-lista eżistenti. Dawn se jkunu l-Birgu, Bormla, Buġibba, Għaxaq, Għawdex, Ħaż-Żebbuġ, Isla, Kalkara, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Pietà, Qawra, Qormi, Rabat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Xgħajra, Żabbar, Żejtun, Mdina u San Ġiljan.

Zammit Dimech jgħid li l-Gvern qed jinjora l-isfidi reali tad-dijabetiċi

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern qed jinjora l-isfidi reali tad-dijabetiċi. Fi stqarrija, Zammit Dimech reġa’ semma l-punti li saħaq aktar kmieni din is-sena fejn qed iħeġġeġ lill-Gvern biex:

  1. jipprovdi monitors kontinwi taz-zokkor għad-dijabetiċi tat-Tip 1
  2. jipprovdu labar tal-pinna 4mm għat-tfal b’xejn
  3. jiġi stabbilit Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete.