Iċċarġja l-mowbajl waqt li tkun qed tixrob

Issa tista’ tiċċarġja l-mowbajl tiegħek waqt li tkun qed tieħu tazza kafe jew flixkun birra. Permezz tal-Epiphany One Puck, il-kesħa jew is-sħana ta’ dak li tkun qed tixrob tiġi mibdula f’enerġija. Din tgħaddi mill-Puck għal ġot-telefown ċellulari permezz ta’ kejbil tal-USB.

Dan l-apparat juża sistema msejħa Stirling, li ġiet ivvintata minn Robert Stirling fl-1816. Din is-sistema tbiddel is-sħana f’enerġija.

L-Epiphany One Puck għandha żewġ naħat. In-naħa l-ħamra hija għal meta tkun qed tixrob xarba sħuna u n-naħa l-blu għal meta tkun qed tixrob xarba kiesħa. Is-sħana tiġi mibdula mill-ewwel f’enerġija filwaqt li l-kesħa tgħaddi fil-parti tas-sħana biex b’hekk tiġi mibdula f’enerġija.

Jekk dan il-prodott jibda jiġi mmanifatturat bil-massa, il-prezz regolari se jkun dak ta’ madwar €85. Jekk dan il-prodott ikun ta’ suċċess, hemm il-ħsieb li l-istess prodott jinbena fuq daqs ikbar biex b’hekk djar u villaġġi jkunu jistgħu jagħmlu użu minn enerġija rħisa.