Iċċaraw liema intrapriżi mhux se jiftħu minn għada – Il-Kamra tal-SMEs

Read in English.

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji kkonfermat li taqbel mall-miżuri li tħabbru aktar kmieni llum biex jitnaqqas iċ-ċans tat-tixrid tal-coronavirus. Fi stqarrija maħruġa mill- Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji kien spjegat kif ħafna mill-intrapriżi li m’humiex ta’ bżonn essenzjali għal dak li jkun iddeċidew li jagħlqu tul il-ġimgħa li għaddiet. Dan ġara minħabba li l-klijenti naqsu drastikament u żdied ir-riskju għall-membri tal-istaff.

Il-Kamra tal-SMEs stqarret li hemm bżonn ta’ klarifikazzjoni dwar liema intrapriżi mhux se jitħallew ikomplu jiftħu minn għada. Stqarret li bħala Kamra tal-SMEs irċiviet bosta mistoqsijiet għal aktar informazzjoni dwar dak li tħabbar aktar kmieni llum.

Uħud mill-mistoqsijiet kienu relatati ma’ xogħol wara bibien magħluqa, kunsinni li kienu diġà pjanati kif ukoll servizzi ta’ tiswija. Il-Kamra appellat lill-Gvern biex jippubblika l-informazzjoni kollha li hemm bżonn minħbba li  f’xi każijiet hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet immedjati li jaffettwaw ir-riżorsi umani. Il-Kamra spjegat kif sfortunatament dawn l-avviżi ma kinux akkumpanjati mill-miżuri ta’ għajnuna ekonomiku meħtieġa.

Stqarret kif il-Gvern tar-Renju Unit għadu kif għamel dawn l-avviżi ftit jiem ilu u magħhom tħabbru miżuri tajbin li evitaw ħafna pressjoni fuq l-intrapriżi u l-impjegati tagħhom. Il-Gvern tar-Renju Unit fil-fatt ħabbar sussidji fuq pagi li jkopru 80% tal-pagi sa €2,700 fix-xahar għal kull ħaddiem. Bl-istess mod il-Gvern Daniż se jkun impenjat li jkopri 75% tas-salarji tal-ħaddiema, jiġifieri sa €3,000 għax-xhur li ġejjin.

Il-pressjonijiet ekonomiċi huma inkwetanti ferm. Il-Kamra stqarret li mil-lum stess hemm bżonn ta’ soluzzjoni li twieġeb għal din l-emerġenza. Min iħaddem u l-impjegati tagħhom qed jippruvaw isalvaw f’sitwazzjonijiet impossibbli li qed jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom u s-saħħa mentali. Il-Kamra talbet għal messaġġ ta’ tama ekonomika Malta u l-komunità ma jkomplux deħlin fi stat ekonomiku li qed jiddeterjora.  

Il-Kamra stqarret li llum Malta ħadet pass ieħor lejn lockdown. Hija rringrazzjat lill-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll lis-settur privat. Spjegat kif l-ispiżeriji, l-operaturi li għandhon x’jaqsmu mal-ikel u front-liners oħra qed jaħdmu bla heda biex ikomplu jfornu s-servizz tagħhom f’dan iż-żmien. Il-Kamra tkelmet mas-settur pubbliku u dak privat u enfasizzat biex ikunu osservati d-direzzjonijiet tas-saħħa pubblika biex dan iż-żmien ta’ sagrifiċċju jilħaq l-għanijiet mixtieqa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn