Iċ-ċkunija, l-għaqal u l-bżulija huma tliet valuri tal-Għawdxin – L-Isqof Teuma

MGOZ

Iċ-ċkunija, l-għaqal u l-bżulija huma tliet valuri fundamentali li jikkaratterizzaw ħafna lill-poplu Għawdxi. Dan qalu l-Isqof Teuma fl-omelija tiegħu waqt il-Pontifikal ta’ Jum Għawdex li sar fit-28 ta’ Ottubru fil-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria.

L-Isqof Teuma qal li waħda mill-karatteristiċi ta’ pajjiż hi li l-wirt li ġenerazzjoni tirċievi minn ta’ qabilha u dan jgħaddi għall-ġenerazzjoni ta’ wara mingħajr ma jkun mittiefes. Kompla li, “it-taqlib tal-ħajja li qed ngħixu fih spiss jitfagħna fin-nostalġija tal-passat, biex hemm insibu kenn u nagħmlu memorja, imma aħna nafu li dan mhux biżżejjed biex inħallu wirt ħaj u mhux mejjet, wirt tad-demm u l-laħam u mhux tal-ġebel”.

Dwar il-fatt li l-gżira Għawdxija hija żgħira l-Isqof qal li dan minn dejjem kien motivazzjoni biex l-Għawdxin ‘jiġġieldu’ għall-identità tagħhom. Skont l-Isqof Teuma, dan il-valur illum qed jintilef u minflok qed tfiġġ “il-gidba ta’ dak li jidher”, fejn wieħed jippreżenta mhux dak li hu, imma li hu ikbar minn dak li hu. Żied li din is-suppervja ġġiegħel lin-nies ibatu minn “dellirji ta’ omnipotenza” li ħafna drabi wieħed jispiċċa f’baħar kbir ta’ nkwiet, għax jinsa min tassew hu.

Teuma żied li l-Għawdxi hu magħruf għall-għaqal u spjega li, li tkun għaqli jfisser li wieħed jaħsibha sew qabel jagħmel xi ħaġa u ma jħallix l-emozzjonijiet jiġru bih. Spjega li sa ftit ilu l-ġudizzju li kien jipprova jgħaddi l-poplu kienu l-valuri ta’ Kristu iżda issa dawn il-kriterji qegħdin jinbidlu għal dak li jaqbel jew li ekonomikament se jħalli profit.

MGOZ

L-Isqof Teuma saħaq li l-bniedem tant huwa mkaxkar minn kurrenti differenti li ma jkollux ċans jieqaf, jeħu n-nifs u jaħseb minn xiex ikun għaddej. “L-impulsi tagħna rridu nagħrbluhom f’din l-għaġna tal-valuri Nsara – il-verità, il-maħfra, l-imħabba, is-solidarjetà, il-paċenzja, il-ħniena… Dawn għandhom ikunu l-valuri li jservu ta’ toqob tal-għarbiel li minnhom ngħaddu l-emozzjonijiet tagħna, b’tali mod li naġixxu skont dak li jrid il-Mulej u mhux dak li jidhrilna aħna”, kompla L-Isqof Teuma.

Dwar il-bżulija, bħala eżempju l-Isqof semma kif sal-lum f’Għawdex għadek tilmaħ nies li minn filgħodu kmieni jbakkru jħejju l-bhejjem għar-raba’. Imma anki hawn dieħla l-mentalità tal-easy money, li jekk jista’ jkun wieħed jaqla’ bla ma jagħmel xejn. Teuma qal li dan huwa suwiċidju soċjali, morali u ekonomiku bil-mod il-mod, għax il-ġenerazzjoni li tiela’ qed titgħallem li “l-valur tal-flus li ma fihomx valur”.

“Iċ-ċkunija, l-għaqal u l-bżulija, tliet karatteristiċi tant importanti fil-ħajja tal-Għawdxin, huma valuri li rridu ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, biex ma nirriskjawx li lil uliedna ngħaddulhom lil Għawdex ċimiterju mimli monumenti flok belt ħajja b’valur sodi”, temm jgħid l-Isqof ta’ Għawdex.

Jum Għawdex, fl-anniversarju tal-ġurnata li fiha l-Għawdxin taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saver Cassar seħħilhom ibarru l-Franċiżi minn gżirithom fl-1798, ġie ċċelebrat b’Pontifikal Solenni fil-Katidral ta’ Għawdex, li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Dr George Vella, u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, flimkien ma’ Dr Samuel Azzopardi, President tar-Reġjun ta’ Għawdex u s-sindki Għawdxin.

Wara l-quddiesa fil-Katidral, f’ċerimonja fi Pjazza Indipendenza ngħata Ġieħ Għawdex lill-membri parlamentari Chris Said u Justyne Caruana.