Iċ-ċittadini Ewropej imħassbin l-aktar bl-immigrazzjoni

REUTERS/Yves Herman

Iċ-ċittadini Ewropej jidher li huma l-aktar imħassba bl-immigrazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, segwit mit-tibdil fil-klima.

Dan ħareġ mill-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa tal-2019. Skont ir-rapport, it-tħassib dwar l-immigrazzjoni kiseb 34% tar-referenzi, minkejja kien hemm tnaqqis mill-punti perċentwali għall-2018. Intant, it-tibdil fil-klima, li fl-2018 kien iklassifikat fil-ħames post, din is-sena tela’ għat-tieni post. Fit-tielet post imbagħad kien hemm tliet preokkupazzjonijiet li ġabu l-istess punteġġi identiċi, dawn huma s-sitwazzjoni ekonomika, il-qagħad tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u t-t-terroriżmu. Dawn kollha kienu segwiti mill-ambjent.

Meta wieħed iħares lejn it-tħassib fuq livell nazzjonali, l-Ewrobarometru jgħid li l-qgħad baqa’ t-tħassib ewlieni fil-livell nazzjonali, flimkien mal-prezzijiet li qed jogħlew, l-inflazzjoni u l-ispejjeż tal-għajxien u s-saħħa u s-sigurtà soċjali.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Standard sar wara l-elezzjonijiet Ewropej, bejn is-7 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju tal-2019, fit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u fil-ħames pajjiżi kandidati.

“Malta għandha tendenza tafda l-UE”

L-istħarriġ sab li 56% tal-Maltin għandhom tendenza jafdaw l-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif skont ir-rapport, il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea tinsab fl-ogħla livell tagħha mill-2014. Il-proporzjoni ta’ dawk li wieġbu li għandhom immaġni pożittiva tal-Unjoni Ewropea (45%) żdied fi 23 Stat Membru. Intant, il-maġġoranza tal-Ewropej, 61%, huma ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 34% huma pessimisti. 55% tal-Ewropej jgħidu li huma sodisfatti bil-mod ta’ kif taħdem id-demokrazija fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-għadd ta’ dawk li “mhux sodisfatti” naqas b’ħames punti perċentwali għal 36%.

“Jikber l-appoġġ għall-Ewro”

L-istħarriġ sab ukoll li l-appoġġ għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-Ewro laħaq rekord kbir ġdid b’76% taż-żona Ewro jwieġbu li huma favur il-munita unika tal-Unjoni Ewropea.

Intant f’kull wieħed mit-28 Stat membru tal-Unjoni Ewropea, iktar minn nofs dawk li wieġbu jħossu li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jappoġġjaw il-moviment liberu li jħallihom jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jagħmlu negozju fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea.