Iċ-ċittadini bid-dritt jappellaw id-deċiżjoni tal-AĠ jekk ma tipproċedix fuq xi każ

Miguela Xuereb

Read in English.

Daħlu fis-seħħ żewġ avviżi legali li waslu għal żewġ riformi importanti fl-irwol tal-Avukar Ġenerali.

Waħda minn dawn il-bidliet hija li kull ċittadin f’Malta jista’ jappella mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali jekk iħoss li ġie aggravat bid-deċiżjoni li ma tipprosekwixxix fuq xi każ partikolari. Dan id-dritt qiegħed jingħata mhux biss liċ-ċittadini individwali iżda wkoll lill-entitajiet f’Malta li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni.

Bidla oħra hija li ġie trasferit l-irwol tal-prosekuzzjoni tal-aktar reati gravi u importanti mingħand il-pulizija għall-Avukat Ġenerali. Dan sar biex l-Avukat Ġenerali jkollu l-poter f’idejh biex jipprosekwixxi wara li tkun saret l-investigazzjoni mill-Pulizija u ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali. Sabiex ikun jista’ jsir dan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rrekluta 15-il avukat ġdid.

Dawn ir-riformi tħabbru mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis waqt żjara li għamel fil-bini l-ġdid tal-Avukat Ġenerali.

Fl-2018 kienet daħlet fis-seħħ riforma li fiha l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fit-tnejn iġifieri l-Avukat tal-Istat li huwa l-konsulent legali ewlieni tal-gvern, u l-Avukat Ġenerali, li x-xogħol prinċipali tiegħu huwa li jmexxi l-prosekuzzjonijiet fil-Gzejjer Maltin.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li dawn ir-riformi mhux biss isaħħu s-saltna tad-dritt imma jagħtu spinta fir-reputazzjoni ta’ Malta.