​Iċ-Ċittadella tilbes liżar taċ-ċinema

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li għall-ewwel darba f’Għawdex se jsir il-Gozo Film Festival.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Justyne Caruana qalet li dan se jsir fiċ-Ċittadella u se jkun mifrux fuq tliet ijiem.
Il-films se jintwerew fuq liżar imtella‘ apposta fil-Bastjun ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella fejn qalet li se jkun hemm ukoll l-opportunità li t-tfal jitgħallmu dwar il-produzzjoni tal-films u xogħol għat-televiżjoni.
Għalkemm spjegat li din hija niċċa ġdida, il-Ministru Caruana qalet li avvenimenti innovattivi bħal dawn ikomplu jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni turistika differenti u li toffri prodott aktar attraenti mill-kompetituri diretti tagħna.
Semmiet kif l-industrija ċinematografika hija waħda ta’ valur għoli u miżjud u Għawdex għandu potenzjal enormi.
Il-Gozo Film Festival se jsir bejn il-Ġimgħa 25 u l-Ħadd 27 t’Awwissu fejn se jintwerew 32 film qasir, 9 produzzjonijet lokali, 3 films u żewġ dokumentarji.
Il-produzzjonijiet kollha għandhom b’xi mod jew ieħor rabta ma’ Għawdex.
Id-dħul għal festival huwa bla ħlas.