“Iċ-ċitazzjoni mhux kollox; spiċċajt bla karozza”

Sidt il-karozza f’Ħaż-Żebbuġ li sabitha mirduma bil-knatan u qalgħet ċitazzjoni sostniet li n-nies aktar iffukaw fuq iċ-ċitazzjoni milli fuq il-fatt li spiċċat mingħajr karozza.
Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li tkellmu favuriha wara li gwardjan lokali weħħilha ċitazzjoni għax ħalliet il-karozza f’dak l-istat fi Triq Karmen Micallef Buhagiar, sostniet li għandha problemi akbar.
F’messaġġ fuq Facebook, il-mara spjegat kif il-karozza tagħha kienet tajba u taħdem sew, u issa spiċċat b’xejn. Sostniet li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħha qed toffrilha somma li ma tippermettiliex li tixtri karozza oħra f’kundizzjonijiet viċin ta’ li kellha.
Qalet li għamlet jumejn tuża’ karozza tal-kiri li jriduha lura llum stess u għaldaqstant mhux se tkun tista’ tagħmel il-qadi kollu li hemm bżonn u tassigura li tkun tista’ twassal liż-żewġ ulieda fejn hemm bżonn.
Sostniet li s-sidien tal-ħajt li farrkilha l-karozza huma “bla rimors”, speċjalment meta wieħed jieqaf u jinduna li fil-karozza seta’ kien hemm hi u t-tfal.
Spjegat li kien biss wara l-inċident tagħha li tweħħlu sinjali kontra l-parkeġġ mal-ħajt.
Temmet billi talbet għall-ġustizzja “għax mhux sew li dawn in-nies qisu qatt ma ġara xejn għalihom u komplew b’xogħlhom u jien hawn ma nista’ nagħmel xejn”.