Iċ-Cisk Pilsner fil-lista tal-‘Aqwa birer fid-dinja’

Wara l-wirja prestiġjuża fil-World Beer Awards 2017, kmieni din is-sena, li fiha ċ-Cisk Pilsner kienet ivvutata bħala l-World’s Best Czech Style Pale Lager, issa din qed tidher ukoll fil-lista tal-‘Aqwa 25 Birra fid-Dinja tal-World Beer Awards 2017’, ippubblikata mis-sit elettroniku Spanjol bonviveur.es.
Is-sit, li hu segwit ħafna minn dawk intiżi fil-gastronomija, għandu l-għan li jipprovdi lill-qarrejja Spanjoli aħbarijiet fuq prodotti tal-ikel u x-xorb u li joffri gwida fuq restoranti ghall-‘bon vivant’.
Il-World Beer Awards huma deskritti minn dan il-portal bħala l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tal-birra fid-dinja. Meta rebħet dan l-unur, il-birra Cisk Pilsner, li oriġinarjament bdiet issir mill-Birrerija Farsons lejn tmiem l-erbgħinijiet u reġgħet tnediet fis-suq is-sena li għaddiet, għelbet 18-il pajjiż, inkluż ir-Repubblika Ċeka nnifisha.
Iċ-Cisk Pilsner hija Pilsner mill-aqwa li tgħaqqad it-tradizzjoni ta’ eċċellenza u l-passjoni tal-mod kif issir il-birra mal-ifjen kwalità tax-xgħir Pilsen u l-hops Noble tal-varjetà Saaz. Iċ-Cisk Pilsner għandha kontenut alkoħoliku ta’ 5.5%, hija birra tassew rikka fil-hops, il-wiċċ tagħha huwa konsistenti fir-ragħwa, u għandha togħma morra-delikata u aroma superjuri bis-saħħa taż-żjut essenzjali tal-hops tat-tip Noble.