“Iċ-ċirkostanzi jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel tal-Knisja”

L-Iskejjel tal-Knisja esprimew it-tħassib li ċ-ċirkostanzi li rriżultaw minn żieda fit-trażmissjoni tal-Covid-19 fil-komunità fl-aħħar jiem, jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur.

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija saħaq li l-iskejjel tal-Knisja qed jaħdmu qatigħ sabiex jiftħu u jilqgħu lill-edukaturi u l-istudenti f’ambjent kemm jista’ jkun sigur. Fisser li qed isir ħafna xogħol u li saru ħafna spejjeż biex jinħoloq dan l-ambjent għall-istudenti u l-edukaturi. Qal ukoll li l-iskejjel tal-Knisja għaddejjin b’diskussjonijiet kontinwu mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll mal-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT).

Is-Segretarjat insista li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, tal-istaff kollu u tal-familji tagħhom jibqgħu prijorità ewlenija. Żied jgħid li jekk ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena skolastika xorta għandha tibda fid-data diġà stabbilita minn kull skola, b’lezzjonijiet online, live jew irrekordjati fost mezzi diġitali oħra, skont it-timetable tal-iskola. Kompla jgħid li dawn il-lezzjonijiet jingħataw mill-edukaturi li jkunu qed jaħdmu mill-iskejjel tagħhom.

L-iskejjel tal-Knisja appellaw ukoll biex ikomplu jittieħdu l-miżuri kollha mill-awtoritajiet pubbliċi biex bis-sehem ta’ kulħadd jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà li jagħmilha possibbli li l-iskejjel jiftħu fiżikament għall-istudenti mill-aktar fis possibli. Dan fl-aħjar interess tal-istudenti u tas-sistema edukattiva f’Malta, temm jgħid is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.

Il-Ministeru għas-Saħħa llum ħabbar 39 każ ġdid u li fl-aħħar 24 siegħa mietet anzjana oħra li kienet pożittiva għall-Covid-19. Din kienet is-17-il mewt f’Malta. Barra minn hekk, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci llum ħabbret li 30% tal-każi qed ikunu sporadiċi.