Iċ-Ċiniżi se jixtru 35% tal-Enemalta

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, Edward Zammit Lewis ikkonferma li l-kumpanija Ċiniża Shangai Electric Power, li hija kumpanija sussidjarja taċ-China Power Investiments se tixtri l-35% tal-ishma tal-Korporazzjoni Enemalta.

Dan l-investiment se jkun qed jammonta għal €200 miljun. 

Zammit Lewis qal dan waqt intervista fuq One Radio. China Power Investments hija kumpanija tal-Gvern Ċiniż u f’Malta mistennija li tinvesti wkoll f’ċentru tal-enerġija alternattiva, b’mod speċjali fil-pannelli fotovoltaiċi għall-esportazzjoni lejn l-Ewropa.

Iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea spiċċaw f’diżgwid minħabba li l-pannelli fotovoltaiċi kienu qed jidħlu fis-suq Ewropew bi prezz baxx bl-għajnuna tas-sussidji tal-Gvern Ċiniż kontra r-regolamenti Ewropej.

Is-sena li għaddiet fl-Ewropa inbiegħu b’aktar minn €21 biljun f’pannelli fotovoltaiċi miċ-Ċina.

Fil-kummenti tiegħu, Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern Malti se jżomm il-maġġoranza tal-ishma fl-Enemalta iżda sostna li dan l-investiment se jsaħħaħ is-sostenibbiltà ta’ din il-Korporazzjoni.