Iċ-ċinga tal-klieb bil-liġi; ma tiġix infurzata għax ikollhom jitressqu l-Qorti – Alison Bezzina

Il-Kummissarju l-ġdid għat-trattament xieraq tal-annimali Alison Bezzina, fl-ewwel kummenti tagħha f’dan l-irwol, fuq il-programm Andrew on 103 qalet li hawn diversi liġijiet li ma jiġux infurzati eżempju l-liġi li ma tistax iżżomm kelb marbut biċ-ċinga permanenti. Żiedet li din hija xi ħaġa li tirrikjedix investigazzjoni u bħala uffiċjal għall-ħarsien tal-annimali imur fil-post u ra kelb marbut b’ċinga, biex lil-persuna teħel multa irid jitla’ l-Qorti jistenna t-tul ta’ żmien u m’hemmx garanzija li wieħed se jeħel il-multa. Kompliet li ħafna drabi jingħataw twissijiet u l-biċċa tieqaf hemm.

Meta mistoqsija dwar hux sew li l-annimali jitlibbsu l-ħwejjeġ, Bezzija qalet li wieħed irid isaqsi lilu nnifsu jekk hux qed issir għal pjaċir tal-persuna jew għal ġid tal-annimal. Kompliet li jekk għal ġid tal-annimal ma fiha xejn ħażin. Hija spjegat li l-kelb huwa domestikat mil-lupu u waħda mill-affarijiet li tilef hija li ma jżommx is-sħana. Għalhekk jekk il-kelb libbistu biex ma jħossx bard dik hija xi ħaġa tajba.

X’inhu l-irwol ta’ kummissarju?

Dwar l-irwol tagħha bħala kummissarju Alison Bezzina qalet li l-irwol ta’ kummissarju huwa daqxejn kumpless u bħala kummissarju ma għandhiex setgħat eżekuttivi. L-irwol tal-kummissarju huwa li jagħti pariri flimkien mat-tim tiegħu lill-ministru u lill-awtoritajiet ikkonċernati dwar id-drittijiet tal-annimali. Bezzina kompliet li dan ma jfissirx li l-pariri li jingħataw dejjem se jiġu milqugħin.

Meta mistoqsija dwar jekk il-ħarsien tal-annimali huwiex fuq l-aġenda, il-kummissarju qalet li hija ilha involuta żmien twil f’dan is-settur u rat lil dan is-settur jitla’ bil-mod ‘il fuq fl-aġenda. Żiedet li għall-ewwel darba din is-sena is-settur tal-ħarsien tal-annimali nqala minn taħt segretarjat parlamentari u qiegħed taħt ministeru li politikament hija xi ħaġa kbira u bħala attivisti raw differenza kbira.

Semmiet ukoll li għall-ewwel darba hemm persuna bħal Lydia Abela li ħadet interess f’dan il-qasam u temmen li meta xi ħadd bħalha jieħu interess f’xi ħaġa ttella’ l-interess fuq l-aġenda nazzjonali.

Bezzina saħqet li hemm bżonn ikun hemm iktar edukazzjoni lill-poplu u li tiġi infurzata l-liġi.