Iċ-Ċina tinsab fuq l-għatba ta’ ‘żvilupp storiku’ fil-politika Komunista tagħha

Uffiċjali għolja fit-tmexxija taċ-Ċina qed iqisu d-diskors tal-President Ċiniż, Xi Jinping, bħala turija ta’ żvilupp storiku fil-politika tal-pajjiż.
Waqt li kien qed jindirizza d-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, Xinping wiegħed li jibni pajjiż modern u soċjalist li jidħol f’era ġdida ta’ għana.
Fost l-oħrajn, Xinping wiegħed pajjiż soċjalist modern sal-2035, u qawwa moderna soċjalista li tinfluwenza lill-bqija tad-dinja sal-2050.
L-uffiċjali għolja li faħħru d-diskors tiegħu kollha qegħdin fil-Politburo, l-ogħla istituzzjoni politika fiċ-Ċina, immexxija minn Xinping stess. Dawn għoġobhom il-ħsieb tal-president, li jgħaqqad flimkien il-karatteristiċi Ċiniżi ma’ politika soċjalista.
Qed jiġi rrappurtat li b’dil-viżjoni ċ-Ċina tista’ tilħaq livelli ġodda milħuqa qabel minn mexxejja bħal Mao Zedong u Deng Xiaoping u t-teoriji li kellhom huma meta kienu jmexxu.
Jekk dal-ħsieb ta’ Xinping jiġi milqugħ u mħaddan, ismu jista’ jinkiteb fil-Kostituzzjoni Ċiniża.
Il-Kumitat Ċentrali taċ-Ċina, l-akbar entità li tirrappreżenta lill-politiċi, aktar kmieni dax-xahar ippropona li jkun hemm xi bdil fil-kostituzzjoni, għalkemm ma speċifikax xiex.
Xi Jinging għandu 64 sena, u kiseb poter malajr mindu ħa r-riedni tal-partit Komunist fl-2012, meta tefa’ l-ħabs rivali ewlenin b’akkużi ta’ korruzzjoni, irristruttura l-militar, u seddaq il-qawwa dejjem tikber taċ-Ċina.