Iċ-Ċina tikkundanna ‘l-Amerka wara pjan biex issaħħaħ l-armamenti nukleari

Iċ-Ċina talbet lill-Istati Uniti biex ittemm darba għal dejjem il-mentalità tal-Gwerra l-Bierda li għandha, u dan wara li saret taf bil-pjan ta’ Washington biex jiffoka fuq bombi żgħar nukleari bil-għan li l-Istati Uniti jkollha aktar diversità fil-ħażna nukleari tagħha.
“Il-pajjiż li għandu l-akbar grupp t’armi nukleari fid-dinja jmissu jieħu l-inizjattiva hu u jimxi mat-twemmin komuni, u mhux imur kontrih”, qal il-Ministru għad-Difiża taċ-Ċina.
Sadanittant ir-Russja diġà kkundannaw dan il-pjan, filwaqt li l-Iran kien iddikajara li l-Istati Uniti b’dawn id-deċiżjonijiet qed kulma jmur tqarreb id-dinja lejn il-qerda totali.
Min-naħa tagħha l-Istati Uniti qalet li varat dal-pjan għax dehrilha li l-bombi eżistenti huma kbar iżżejjed, u tixtieq tispeċjalizza aktar fuq bombi iżgħar.
L-Amerka stqarret li l-ħażna ta’ armi nukleari li għandha qed teqdiem u m’għadhiex tħalli effett biex tbeżża’ nazzjonijiet oħra, filwaqt li elenkat liċ-Ċina, ir-Russja, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran bħala theddidiet.
Il-pjan, varat il-Ġimgħa, jismu Nuclear Posture Review.
Ix-xahar li għadda l-Istati Uniti nieda strateġija tad-difiża ġdida, u dakinhar kien qal li fil-qalba ta’ din l-istrateġija hemm it-twemmin li pajjiżi oħra qed jissaħħu u jsiru dejjem aktar ta’ theddida għaliha.