Iċ-Ċina se tibqa’ tagħfas fuq il-Knisja Kattolika

Yu Zhengsheng, wieħed mis-seba’ membri tal-Politburo u Ċermen tal-Konferenza Politika Konsultattiva tal-Poplu Ċiniż qal lill-komunità tal-Knisja Miftuħa – dik approvata mill-Gvern Ċiniż – biex tassigura li t-tmexxija tal-Knisja fil-pajjiż tinżamm f’idejn dawk li jħobbu l-pajjiżhom u ir-reliġjon.
Hu kien qed ikellem lil madwar 100 Isqof, saċerdoti u sorijiet f’ċerimonja li tfakkar is-60 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika Ċiniża li hi kontrollata mill-Istat.
Dawn il-kummenti saru filwaqt li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn Beijing u l-Vatikan dwar il-ħatra tal-Isqfijiet fiċ-Ċina li jekk tirnexxi tista' twassal għal twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ stati.
F’dawn l-aħħar xhur dawn id-diskussjonijiet naqsu xi ftit mir-ritmu tagħhom minħabba li mhux magħruf x’sar min-numru ta’ Isqfijiet maħtura mill-Vatikan.
L-Assoċjazzjoni Patrijottika Ċiniża twaqqfet f’Awwissu tal-1957 u din tirrispondi lill-Gvern Ċiniż u mhux lill-Vatikan, li min-naħa tiegħu ma jirrikonoxxix din l-organizazzjoni għax iqis li mhix kompatibbli mat-tagħlim tal-Knisja.
Meta twaqqfet l-imsemmija assoċjazzjoni il-madwar 10 miljun Kattoliku fiċ-Ċina nqasmu u l-parti li baqgħu marbuta mal-Vatikan bdew jiltaqgħu fil-magħluq għall-funzjonijiet reliġjużi.