“Iċ-Ċina se jkollha subgħajha fuq l-iswiċċ tad-dawl ta’ Malta” – Dr Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern se jtellef l-indipendenza tal-Maltin u l-Għawdxin għall-energija hekk kif iċ-Ċina se jkollha subgħajha fuq l-iswiċċ tad-dawl ta’ Malta u għalhekk l-elettriku ta’ Malta se jkun ikkontrollat minn barra.

F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li qed jistenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħmel stqarrija bid-dettalji dwar x’se jbiegħ mill-EneMalta liċ-Ċina u dan meta fil-programm elettorali qal li mhux se jipprivatizza l-korporazzjoni. Dr Simon Busuttil staqsa min se jiddefendi l-interessi tal-ħaddiema meta l-General Workers Union qed taqbel mal-Gvern dwar din il-privatizazzjoni.

Skont Dr Simon Busuttil, il-ftehim maċ-Ċina dwar l-enerġija qed ixxekkel l-enerġija ta’ Malta u dan in-nuqqas ta’ kontroll, fi kliemu, se jkun ifisser li l-poplu Malti se jkollu jħallas kontijiet aktar għoljin.

Dwar is-sitwazzjoni tal-infirmiera, Dr Busuttil sostna li ma jistax jifhem għalfejn l-infirmiera li lestew il-kors baqgħu ma ġewx impjegati mal-Gvern u dan meta hemm tant bżonn. Dwar il-mediċini out-of-stock, Dr Busuttil sostna li s-sitwazzjoni mhux talli ma baqgħatx kif kienet, iżda marret għall-agħar.

Dr Busuttil qal li jinsab inkwetat dwar il-Forzi Armati ta’ Malta, hekk kif il-Kap Kmandant se jitneħħa mingħajr ma rriżenja u staqsa kif dan se jitneħħa meta m’għamel l-ebda ħaġa ħażina. Dr Busuttil qal li l-Gvern qed ibiddel l-armata għal raġunijiet politiċi.