Iċ-Ċina b’tentattiv li ssib l-oriġini tal-coronavirus xi mkien ieħor

A passenger wearing a protective mask arrives at a railway station in Wuhan on the first day inbound train services resumed following the novel coronavirus disease (COVID-19) outbreak, in Wuhan of Hubei province, the epicentre of China's coronavirus outbreak, March 28, 2020. REUTERS/Aly Song

Read in English.

Kważi sena wara li nstab l-ewwel każ tal-coronavirus fil-belt Wuhan fiċ-Ċina, il-pajjiż donnu qed jibda kampanja bil-għan li jqajjem dubji fuq l-oriġini tal-pandemija, b’tentattiv biex jinstab li l-virus oriġina xi mkien ieħor.

Il-ġurnal Ingliż The Guardian qed jirrapporta li l-midja Ċiniża qed toħroġ stejjer li jindikaw li l-virus ġie mill-pakketti użati għall-ikel friżat li ġie impurtat minn pajjiżi oħra. Il-gazzetta uffiċjali People’s Daily kitbet fuq Facebook il-ġimgħa li għaddiet li l-evidenza tindika li l-virus ma bediex f’Wuhan.

L-epidemologu Zeng Guang ġie kkwotat jgħid li Wuhan hu l-post fejn instab l-ewwel każ tal-virus, imma mhux fejn oriġina. Kelliem għall-Ministeru Ċiniż tal-Affarijiet Barranin, meta ġie mistoqsi fuq dan, qal li hu importanti li ssir distinzjoni bejn fejn instab l-ewwel il-virus u fejn qasam il-fruntiera tal-ispeċi biex jinfetta lill-bnedmin.

Xi xjentisti Ċiniżi kitbu studju akkademiku li jgħid li Wuhan mhux il-post fejn saret l-ewwel trażmissjoni tal-virus bejn il-bnedmin, u qed jissuġġerixxu li l-ewwel każ seta’ kien fil-kontinent Indjan. Dan l-istudju, iżda, għadu ma ġiex iċċekkjat minn akkademiċi oħra.

Ix-xjentisti tal-Punent tad-dinja huma xettiċi fuq din it-teorija ġejja miċ-Ċina. Id-Direttur tal-programm tal-emerġenzi tas-saħħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), Michael Ryan, qal il-ġimgħa li għaddiet li huwa spekulattiv ħafna li wieħed jargumenta li l-virus ma oriġinax miċ-Ċina. Waqt konferenza f’Ġinevra, qal li fil-qasam tas-saħħa pubblika, hu ċar li l-investigazzjonijiet tibdiehom fejn jitfaċċaw l-ewwel każijiet fost il-bnedmin.

Il-virologu Ingliż Prof. Jonathan Stoye qal li rapporti li l-Covid-19 beda jiċċirkola fl-Italja fil-ħarifa tal-2019 huma “dgħajfin.” Huwa wkoll tal-fehma li l-virus oriġina fiċ-Ċina billi l-ewwel każijiet fost il-bnedmin instabu hemmhekk.