Iċ-Ċina bl-inqas numru ta’ każijiet fi żmien xahar

REUTERS/Huizhong Wu

Read in English.

Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa fiċ-Ċina rrappurtat 16-il każ ġdid tal-coronavirus ilbieraħ. Dan huwa l-iżgħar numru mis-17 ta’ Marzu ‘l hawn. Il-ġurnata ta’ qabel kien hemm 27 każ ġdid.

Mis-16-il każ ġdid, disgħa kienu impurtati. Dan in-numru ta’ każijiet impurtati huwa l-aktar baxx mit-13 ta’ Marzu ‘l hawn. Il-jum ta’ qabel kien hemm 17-il każ impurtat. Il-bqija tal-każijiet irrappurtati lbieraħ kienu trażmessi lokalment, 10 inqas mill-jum preċedenti.

Ħadd ma ġie rrappurtat mejjet bil-coronavirus fiċ-Ċina lbieraħ.

L-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus fiċ-Ċina laħaq it-82,735, filwaqt li t-total ta’ mwiet huwa ta’ 4,632.

Minkejja li l-virus oriġina fiċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej intlaqtu b’mod agħar. Fi Spanja l-imwiet qabżu l-20,000, filwaqt li fi Franza qorbu lejn id-19,000.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn