Iċ-Ċina bl-ebda każ tal-coronavirus għall-ewwel darba mindu faqqgħet il-pandemija

REUTERS/Thomas Peter

Read in English.

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju, kienet l-ewwel ġurnata minn meta faqqgħet il-pandemija lejn l-aħħar tal-2019 f’Wuhan li ċ-Ċina ma rreġistrat l-ebda każ ġdid tal-coronavirus.

Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa ħarġet stqarrija illi tgħid li jum qabel kien hemm erba’ każijiet ġodda. Madankollu, hemm żewġ każijiet suspettati: wieħed impurtat mix-Shanghai u każ ta’ trażmissjoni lokali fil-provinċja Jilin.

Il-każijiet bla sintomi naqsu minn 35 għal 28.

Minn Marzu ‘l hawn, iċ-Ċina beda jkollha ħafna inqas każijiet tal-Covid-19, peress li restrizzjonijiet kbar fuq il-moviment tan-nies għenu biex il-pajjiż jikkontrolla l-imxija tal-coronavirus.

Minkejja dan, xorta waħda kien qed ikun hemm għadd ta’ każijiet impurtati, l-aktar ta’ Ċiniżi li jirritornaw minn xi pajjiż barrani. Fl-aħħar ġimgħat, ħarġu wkoll gruppi ta’ każijiet fin-naħa tal-Grigal tal-pajjiż.

Dan ix-xahar, Wuhan kellu l-ewwel grupp ta’ każijiet minn meta ntemm il-lockdown fit-8 t’April. Dan wassal biex l-awtoritajiet iwissu li l-miżuri ma jistgħux jintreħew. Bdew kampanja sabiex il-11-il miljun resident ta’ Wuhan kollha jiġu ttestjati għall-Covid-19.

B’hekk it-total ta’ każijiet fiċ-Ċina huwa ta’ 82,971 u l-għadd ta’ persuni li mietu huwa ta’ 4,634.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn