Iċ-Cimic Civil Military Cooperation huma t-tim tas-sena f’Malta

Iċ-Cimic Civil Military Cooperation rebħu l-kategorija tat-Tim tas-Sena waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet għall-Ugwaljanza ħabbar li t-tim ħa rikonoxximent għall-ħila tiegħu li jaħdem b’mod effettiv, koordinat, u b’suċċess.
Għall-kategorija tal-Ħaddiem Mudell tas-Sena, li tippremja lill-ħaddiem li jnissel il-ġid fl-organizzazzjoni fejn jaħdem bil-ħidma tiegħu u li jħeġġeg lill-oħrajn biex jagħmlu bħalu, ir-rebbieħ kien Reuben Gatt, ħaddiem ta’ Simonds Farsons Cisk.
Victor John Curmi, maniġier fil-kumpanija ta’ Magro Brothers, rebaħ it-titlu tal-Maniġier tas-Sena. Fost it-12-il maniġier innominat, Curmi kien rikonoxxut bħala l-iktar maniġier li b’xogħlu kattar ġid għall-organizazzjoni fejn jaħdem filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema oħra jagħmlu bħalu.
Ivan Calleja, is-sid tan-negozju The Convenience Shop, rebaħ it-titlu tal-Employer tas-Sena. Għal din il-kategorija kienu sitta l-employers nominati. B’dan it-titlu, Calleja kien rikonoxxut bħala l-iktar individwu li jħaddem in-nies, li jieħu ħsieb lill-ħaddiema, u li wera ħila fl-għażla tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Il-premju għall-iktar kumpanija li toffri miżuri favur il-familji u l-premju għall-iktar kumpanija li tinkoraġġixxi l-ugwaljanza, intrebħu minn Vodafone Malta u Grand Hotel Excelsior rispettivament.
B’kollox kien hemm 51 individwi, timijiet, u kumpaniji nnominati fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Il-bord tal-għażla indipendenti kien immexxi mill-Avukat Anna Mallia.
Ritratti: MEAE