Iċ-Ċilì: L-Arċisqof Scicluna jibda jiltaqa’ mal-vittmi

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=vgBS7MMS01U]

Dalgħodu l-Arċisqof Charles Scicluna beda jiltaqa’ mal-vittmi ta’ abbuż sesswali bħala parti mill-investigazzjoni li l-Papa Franġisku talbu jagħmel fiċ-Ċilì.
L-għan tal-investigazzjoni huwa biex jinstab jekk l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid kienx jaf li s-saċerdot Karadima kien jabbuża minn minuri.  Barros jiċħad li huwa kien jaf jew li b’xi mod ħeba xi abbuż.
L-Arċisqof Scicluna wasal f’Santiago fiċ-Ċilì it-Tnejn filgħaxija. It-Tlieta filgħodu qaddes fin-Nunzjatura, fejn qed joqgħod, u wara beda l-laqgħat tiegħu mal-vittmi ta’ Karadima. Dan is-saċerdot kien meħlus mill-Qorti Ċivili peress li l-akkużi kontrih kienu preskritti. Iżda għal Knisja ma hemmx preskrizzjoni f’dawn il-każi tant li Karadima kien issanzjonat mill-Vatikan fl-2011 minħabba abbużi sesswali fuq minorenni.
Qabel wasal Santiago, l-Arċisqof Scicluna mar New York u diġà sema’ t-testimonjanza ta’ Juan Carlos Cruz li qed jgħid li l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid, kien preżenti waqt wieħed mill-abbużi li għamel fuqu Karadima.
Il-midja Ċilena qiegħda tagħti prominenza kbira lil din l-investigazzjoni li qed jagħmel Scicluna kif joħroġ ċar mir-rapport li għamilna lbieraħ u mir-ritratti ta’ gazzetti li qed inġibu llum. In-nunzjatura, fejn qed joqgħod, l-Arċisqof hija assedjata mill-ġurnalisti u fotografi bit-tama li jieħdu xi kummenti mill-Arċisqof.

Fi stqarrija li ħareġ għall-ħabta tal-5.00p.m. (ħin ta’ Malta) l-Arċisqof Scicluna spjega l-iskop tal-missjoni tiegħu u irringrazzja lil dawk kollha li aċċettaw li jiltaqgħu miegħu biex jagħtu x-xhieda tagħhom.

Skond waħda mill-gazzetti ewlenin l-Arċisqof mistenni jkollu mill-anqas 20 laqgħa ma’ vittmi differenti.