Iċ-Ċileni grati lejn l-Arċisqof Scicluna

Il-komunità tal-lajċi ta’ Osorno qalu li huma grati lejn l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna għar-rieda tiegħu biex imur iċ-Ċilì, biex jisma’ b’mod sinċier, u biex jiddjaloga ma’ kulħadd.
Mons Scicluna kien intalab mill-Papa biex imur iċ-Ċilì, sabiex hemmhekk jisma' lil dawk li wrew ix-xewqa li jagħtu informazzjoni dwar l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid b'rabta ma' każi ta' abbużi fuq minorenni. 
Fi stqarrija, il-lajċi qalu li s’issa għadhom ma rawx l-attitudni li wera Mons. Scicluna fl-episkopat Ċilean. Huma rringrazzjaw ukoll lil Dun Jordi Bertomeu.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, is-saċerdot Malti li huwa missjunarju fiċ-Ċilì Dun Henry Balzan qal li l-Isqfijiet Ċileni se jiltaqgħu mal-Papa Franġisku fit-tielet ġimgħa ta' Mejju.
Stqarr ukoll li l-vittmi kkonfermaw ukoll li se jiltaqgħu ma' Franġisku.
Dun Henry qal li l-Arċisqof Scicluna qata' figura tajba ħafna bil-ħidma tiegħu fiċ-Ċilì.
Il-Papa Franġisku qal li jħoss mistħija u weġgħa għall-mod żbaljat li bih evalwa s-sitwazzjoni fiċ-Ċilì fil-każ ta' allegazzjonijiet li diversi, fosthom l-Arċisqof Barros kienu jafu u għattew għadd ta' abbużi sesswali.
Fl-ittra tiegħu lill-Konferenza Episkopali Ċilena fit-8 ta’ April, il-Papa Franġisku qal li kien ir-rapport ta’ 2,300 paġna mħejji mill-Arċisqof Scicluna, li wasslu biex jikteb l-ittra.