Iċ-ċiklisti inkwetati dwar il-proġett tal-Marsa

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) qal li jinsab imħasseb dwar numru ta’ aspetti mill-proġett tal-Marsa Junction.
Fi stqarrija, il-BAG stqarr li ċ-ċiklisti ma ġewx ikkunsidrati fir-rotot alternattivi li saru għas-sewwieqa minħabba l-proġett tal-Marsa. Il-grupp qal li diversi membri spjegaw li qed ikun diffiċli għalihom biex jaqilbu minn karreġġjata għal oħra.
Skont il-grupp il-proġett tal-Kappara għandu disinn orribbli u jemmen li l-proġett tal-Marsa se jkun l-istess.
Il-BAG qal ukoll li l-mistoqsijiet tiegħu li ntbagħtu lil Transport Malta dwar il-Marsa għadhom ma ġewx imwieġba.
Il-grupp saħaq li Malta għandha bżonn strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu.