Iċ-ċifri konferma li se jintlaħqu l-miri fiskali – il-Gvern

Il-Gvern, fi stqarrija, qal li l-aħħar ċifri tal-NSO jikkonfermaw li se jintlaħqu l-miri fiskali li kien għamel.
Dan wara li l-aġenzija internazzjonali Standard and Poor’s ħarġet rapport li fih sostniet li l-Gvern Malti se jilħaq il-miri tiegħu f'dan il-qasam.
Il-Gvern sostna li waqt li f’pajjiżi oħra qed tirrenja l-awsterità, bi qtugħ fl-ispiża pubblika u żidiet fit-taxxi, is-suċċess fiskali tal-Gvern Malti qed jinkiseb bi tnaqqis fit-taxxi u żieda fl-ispiża kapitali.
Fakkar kif fl-ewwel disa’ xhur tal-2014, l-investiment pubbliku żdied b’10% aktar minn kemm kien intefaq fl-istess żmien tal-aħħar sena tal-Gvern preċedenti.
Il-Gvern naqqas ukoll ir-rata tat-taxxa tad-dħul, minn 35% għal 29%, iżda minflok, id-dħul tal-Gvern żdied bi kważi €190 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2014.
Il-Gvern fakkar ukoll li bejn Ġunju u Settembru li għaddew kien hemm tnaqqis ta’ €130 miljun fil-livell tad-dejn nazzjonali.
Saħaq li r-riżultati miksuba jikkuntrastaw bil-kbir mal-previżjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar kif Malta se jkollha titlob bailout mill-UE.
Qal li Standard and Poor’s għadha kif bassret li sa tmiem din il-leġiżlatura, il-Gvern se jkun ħallas lura ż-żieda fid-dejn nazzjonali li kienet saret mill-amministrazzjoni preċedenti.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tmexxija tal-Gvern fissret li l-poplu tgħabba b’miljun ewro aktar dejn kuljum filwaqt li ż-żieda fit-taxxi mhix soluzzjoni għad-dejn ta’ Malta.
Intqal li minn din is-sena kien hemm żieda fuq il-liċenzji tal-karozzi, fil-ħlasijiet għall-passaporti u fl-eżamijiet tal-Matsec fost l-oħrajn.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-pagi kienu l-akbar kontributur fiż-żieda tan-nefqa hekk kif minn wara l-elezzjoni 4,700 persuna  sabu posthom maċ-ċivil.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li dan huwa żvilupp li qed jibgħat messaġġi negattivi dwar l-istabbilità ta’ Malta.