“Iċ-childcare centres xaqq ta’ dawl għall-ġustizzja soċjali” – Prof. Borg, Newsbook Webinar

L-espert fl-edukazzjoni Prof. Carm Borg stqarr li ċ-childcare centres jistgħu jservu bħala soluzzjoni jew xaqq ta’ dawl biex tingħata spinta l-ġustizzja soċjali.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, il-Professur innota li hemm korrelazzjoni bejn il-ġustizzja soċjali u l-edukazzjoni. Fi kliemu filwaqt li din tjiebet matul is-snin, m’għandhiex titwarrab. Irrimarka kif il-bniet jgħaddu lis-subien fl-edukazzjoni, u “n-nuqqas ta’ nisa fid-dinja politika u tan-negozju turi biċ-ċar l-inġustizzji fis-sistema”.

Twissijiet

Prof. Carm Borg wissa li jekk is-settur tal-edukazzjoni ma jiġix indirizzat u ma jsirx it-tibdil meħtieġ fis-sistema edukattiva, mhux se jkun hemm il-ħiliet meħtieġa għall-innovazzjoni.

Wissa wkoll li s-sistema edukattiva f’Malta għadha bbażata fuq kemm wieħed jaf u mhux fuq x’ħiliet għandu.

Twissija oħra mill-Professur kienet li l-innovazzjoni tista’ tkun diffiċli meta l-evidenza turi li akkademikament, ir-riżultati tal-istudenti Maltin f’suġġetti tax-xjenza m’għadhomx daqstant tajbin. Semma kif ir-riżultati juru li terz tal-istudenti fl-iskejjel Maltin huma under-achievers fl-edukazzjoni obbligatorja. Borg qal li din hi informazzjoni kruċjali għall-ippjanar fl-innovazzjoni u insista li anke dawk li jibbrillaw iridu jtejbu ċertu ħiliet tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn