“Iċ-chief of staff tal-Intern kellem lill-ġuvni akkużat b’serq intortament” – PN

Il-Kelliem Nazzjonalista dwar l-Intern Jason Azzopardi żvela li ċ-chief of staff tal-Ministeru tal-Intern Silvio Scerri bagħat għall-ġuvni ta’ 27 sena li kien akkużat b’serq intortament u dam ikellmu għal nofs siegħa qabel ma qallu biex jidher quddiem il-bord tal-Pulizija.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-dar ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi sostna li li ż-żagħżugħ li nżamm fil-kustodja tal-pulizija għal tlettijiem kien ikkuntatjat minn terza persuna biex imur il-Belt u jkellem liċ-chief of staff tal-Ministeru tal-Intern. Intqal ukoll li t-terza persuna kienet Charles Attard li nstab ħati ta’ attentat ta’ qtil fl-1994.

Azzopardi staqsa dwar min se jerfa’ responsabbiltà għal dan l-aġir hekk kif skont l-istess Azzopardi huwa nkwetanti l-fatt li uffiċjal għoli kellu kuntatti ma’ persuna li nstabet ħatja t’attentat ta’ qtil. Jason Azzopardi żied jgħid li l-Ministeru tal-Intern issa b’dan il-każ mess il-qiegħ u l-Gvern irid jerfa’ responsabbiltà.

B’reazzjoni għal dan, fi stqarrija, il-Ministeru tal-Intern qal li Jason Azzopardi qed jipprova jippreġudika investigazzjoni indipendenti li qed issir mill-eks Imhallef Franco Depasquele permezz ta' stqarrija irresponsabbli.

Intqal ukoll li Darryl Luke Borg, li kien il-vittma ta' din is-sitwazzjoni, avviċina lill-Ministeru tal-Intern li kien fid-dover li jiltaqa' mal-vittma. Matul l-istess laqgħa, Borg qal numru ta' fatti ġodda u ġie mħeġġeġ biex dawn l-affarijiet jgħidhom billi jixhed quddiem l-inkjesta indipendenti.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern għandu kull fiduċja li l-eks Imħallef qed jisma' x-xhieda kollha.