Iċ-Chairman tal-grupp Catco ħaseb lil Delia jmexxi d-Dar tal-Providenza – rapporti

Newsbook.com.mt b’aktar tagħrif esklussiv

Read in English.

Iċ-Chairman tal-Grupp Catco, qal lill-gazzetta The Times of Malta li ma kienx jaf li Adrian Delia kien involut fil-politika, anzi mingħalih li Delia kien imexxi d-Dar tal-Providenza. Kien Delia li nhar l-ewwel tas-sena ippreżenta lid-Dar tal-Providenza b’wiegħda li l-Grupp jagħti lid-Dar €500,000.

Id-Dar tal-Providenza fi stqarrija maħruġa s-Sibt qalet li, kif tagħmel dejjem meta tingħata donazzjoni ta’ aktar minn €5,000, hija tagħmel il-verifiki tagħha indipendentement minn xi verifiki li jsiru mid-donatur. Dawn il-verifiki għadhom ma sarux.

Newsbook.com.mt irrapporta b’mod esklussiv li sa issa l-uniku due diligence li kien sar kien dak tac-Chairman tal-grupp. L-istudju ma sarx mid-ditta RSM, kif oriġinalment rappurtat, iżda sar fuq talba tagħha. Dan ifisser li jkun studju preliminari li warajh ikunu jridu jsiru verifiki oħra.

Ma kontx naf li Delia fil-politika – Alokla

Ic-chairman tal-grupp, Fisal Abdullah Alokla qal lill-gazzetta ma kienx jaf li Adrian Delia hu mdaħħal fil-politika għaliex kieku kien jaf ma kienx jinvolvih biex jippreżenta d-donazzjoni. Qal wkoll li ħaseb li Delia kien il-persuna li jmexxi d-Dar tal-Providenza. Skont l-istess gazzetta Adrian Delia qed jagħti s-servizzi legali tiegħu lil din il-kumpanija.

Minn Ottubru tas-sena l-oħra l-kumpanija Catco Group ġiet ikkonfermata bħala sponsor uffiċjali tat-tim tal-futbol Sliema Wanderers.

Jirriżulta li l-players tat-tim kienu ilhom ma jitħallsu għal 3 xhur sħaħ minħabba li l-isponsor il-ġdid qed jaffaċċja diffikultà biex jitrasferixxi l-flus lejn Malta. Il-President ta’ Sliema Wanderers qal lit-Times of Malta li fl-aħħar il-players tħallsu ftit qabel il-Milied wara li sponsor ieħor, Sixt car rental company, ħarġet iċ-ċekkijiet. Il-President tal-klabb qal wkoll li minn naħa tagħhom għamlu l-proċess ta’ due diligence qabel ma ffirmaw il-ftehim tal-kumpanija.

Skont Catco Group il-problema biex jitrasferixxu l-flus hi waħda teknika u m’għandiex x’taqsam minn fejn ġejjin il-flus.

Min hu Alokla

Is-Sibt li għadda Adrian Delia għadda lid-Dar tal-Providenza rapport li sar għal RSM Malta fuq Fisal Abdullah Alokla, iċ-Chairman,  Kap Eżekuttiv (CEO) u azzjonista ta’ 95% mill-ishma ta’ Catco Group Capital Investment. Ir-rapport sar qabel Alokla, li huwa persuna politikament esposta u li għandu passaport Sirjan, talab permess biex jiftaħ kont tal-bank f’Malta.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li jeżistu kumpaniji internazzjonali, bħal per eżempju Aquaris Risk Intelligence, li kumpaniji Maltin jużaw biex jiksbu tagħrif preliminari qabel jaċċettaw persuna bħala klijent tagħhom jew biex  jippruvaw jiftħulu kont tal-bank. Dan jitqies bħala l-ewwel livell biex kumpanija tara jekk għandiex tibda relazzjoni mal-klijent jew le, tant li l-anqas ikun biżżejjed biex wieħed jiftaħ kont tal-bank.

Qabel tittieħed deċiżjoni finali dan ir-rapport ikun segwit minn due diligence kif mitlub mill-FIAU.

Alokla twieled f’Aleppo fis-Sirja, fil-15 ta’ Frar tal-1976, u għandu passaport Sirjan barra indirizzi fit-Tuneżija, l-Arabja Sawdita u ċ-Ċina. Huwa azzjonista jew direttur f’għadd ta’ kumpaniji fil-qasam tal-investiment, kostruzzjoni, żejt, enerġija u sport. Dawn huma bbażati fiċ-Ċina, fit-Tuneżija u f’Malta.