Iċ-Chairman tal-Gozo Channel jgħajjar żagħżugħ li kkampanja favur l-immigranti

Aġġornat 06:36 PM

Read in English.

Joe Cordina, iċ-Chairman tal-Gozo Channel, ikkummenta kliem oxxen fuq post fuq Facebook li tella’ ż-żagħżugħ Xandru Cassar li fl-aħħar ġimgħat ikkampanja favur id-drittijiet tal-immigranti.

Ftit tal-ħin wara li Cordina tefa’ l-kumment fuq il-post ta’ Cassar, dan tħassar hekk kif diversi persuni kkritikaw il-kumment. Minkejja dan, persuni li laħqu ħadu screenshot tal-kumment tellawh mill-ġdid fil-kummenti tal-post sabiex jesponu l-kumment xokkanti minn persuna mgħarufa fil-pubbliku.

Il-Gvern għadu kif ħabbar li l-425 li ilhom fuq il-baħar għal ġimgħat ser jiddaħħlu l-art.Nixtieq ngħid grazzi kbira…

Posted by Xandru Cassar on Saturday, June 6, 2020

Propju ftit tal-ħin wara li l-Gvern ħabbar li l-425 immigrant abbord il-vapuri kienu se jiddaħħlu f’Malta, Cassar li kien għamel strajk tal-ġuħ u diversi protesti quddiem il-Parlament Malti u Kastilja, tella’ post fuq Facebook jgħid “irnexxielna”. Hu rringrazzja lil dawk kollha li wrew appoġġ lill-kawża tiegħu u lil dawk li taw ħinhom biex jgħinu lil dawn l-immigranti.

Il-KNŻ u Repubblika urtati bl-aġir ta’ Cordina

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħażagħ kif ukoll l-għaqda Repubblika kienu urtati bl-aġir ta’ Cordina speċjalment minħabba l-użu ta’ kliem oxxeni u kliem ta’ mibiegħda li qajjem il-kumment ta’ Joe Cordina.

Il-KNŻ qal fi stqarrija li l-kliem ta’ Cordina kienu abbużivi u kundannabbli. Fi stqarrija separata, Reppubblika talbet ukoll għar-riżenja ta’ Cordina.

F’diskors li għamel quddiem il-Parlament nhar l-Erbgħa, Xandru Cassar sostna li d-demostrazzjonijiet se jibqa’ jagħmilhom sakemm l-immigranti jitniżżlu l-art.