Iċ-Chairman tal-Gozo Channel bla kumment dwar il-‘ħaddiema ħallelin’ li reġgħu daħlu għax-xogħol

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina għażel li ma jikkummentax fuq it-telefown dwar iż-żewġ ħaddiema tal-kumpanija li kienu nqabdu jisirqu lill-kumpanija u issa reġgħu ddaħħlu jaħdmu.
Cordina qal li se jwieġeb għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt permezz ta' imejl sal-4pm, iżda erba' sigħat wara għadu   ma weġibx.
Newsbook.com.mt staqsa liċ-Chairman jekk hux kuntent u jekk għandux rasu mistrieħa li Raymond Borg 'ix-Xitan' u George Zammit reġgħu kisbu xogħolhom wara li kienu nstabu ħatja mill-qorti li fl-2015 serqu lill-kumpanija.
Staqsa wkoll fuq liema raġuni reġgħu ddaħħlu għax-xogħol u jekk kienx hemm indħil politiku.
Borg u Zammit kienu nqabdu jbigħu biljetti wżati, u b'dan is-serq kienu qed idaħħlu f’buthom €355 kuljum.
Il-Maġistrat Joe Mifsud kien sab lill-akkużati ħatja u wara li qies li rritornaw il-flus lura lill-kumpanija, illiberahom bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien tliet snin.
Times of Malta rraportat li kienet pressjoni politika sabeix dawn in-nies jerġgħu jieħdu xogħolhom lura, hekk kif wieħed minnhom huwa canvasser tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. Min-naħa tiegħu Anton Refalo ċaħad dawn l-akkużi.