Iċ-Ċermen tal-MFSA jitkellem dwar il-futur tal-blockchain u l-cryptocurrency

Iċ-Ċermen il-ġdid tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji sostna li filwaqt li jifhem għalfejn Malta għandha tkun minn tal-ewwel li tirregola setturi bħall-blockchain u l-cryptocurrency, qal li kemm wieħed jippermetti li dik l-industrija topera minn Malta hija xi ħaġa li wieħed għad irid jara.
Dan qalu waqt is-smigħ tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi li sar dalgħodu.
Il-blockchain huwa reġistru maqsum għall-irrekordjar tal-istorja ta’ transazzjonijiet, liema reġistru ma tistax issirlu alterazzjoni. Malta hija l-ewwel pajjiż li qed toħroġ ċertifikati notarizzati fuq il-blockchain kif ukoll b’mezz tradizzjonali bil-karti.
L-ewwel app f’Malta li taħdem bit-teknoloġija tal-blockchain tnediet f’Settembru li għadda u hija mmirata għas-suq tal-proprjetà.
Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-kumpaniji tal-blockchain u l-Fintech se jkunu qed ipoġġu lil Malta f’pożizzjoni unika minħabba l-qafas regolatorju li hawn f’Malta biss.