Iċ-Ċermen tal-MFSA jaħsel idejh mill-Pilatus Bank

Iċ-Ċermen il-ġdid tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qal li filwaqt li hemm talent enormi u tħaddem mat-360 ruħ, qed ikun diffiċli li ssib il-persuni neċessarji għall-operat tagħha minn Malta u għaldaqstant qed timraħ biex timpjega numru ta’ ħaddiema barranin.
Dan qalu waqt is-smigħ tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi li sar dalgħodu, fejn spjega li l-MFSA qiegħda fil-proċess li tilqa’ fi ħdana mal-100 ħaddiem ġdid.
Prof. Mamo kompla jgħid li issa għandha tiġi mis-Sistema Edukattiva li ssib modi sabiex tħarreġ il-ġenerazzjoni ta’ ħaddiema futuri fi speċjalizzazzjonijiet tat-tip.
Huwa kompla jinsisti dwar dan b’referenza għal mod rapidu li bih Malta qed tkabbar l-industrija finanzjarja fejn jidħlu l-cryptocurrency u l-blockchain.
“Fuq il-Bank Pilatus naf daqs kemm jaf bniedem komuni”
Iċ-Ċerman tal-Awtorità qal li hu jaf dwar is-sitwazzjoni fil-Bank Pilatus daqs kemm jaf kulħadd. Sostna li segwa kemm seta’, filwaqt li qabel li hija problema kbira.
Mamo spjega li ma jistax jgħid jekk l-MFSA ma għamlitx tajjeb għax ma jafx.
Huwa kompla jgħid li fejn jidħol il-ħasil tal-flus, il-pajjiżi li l-aktar qed jikkritikaw lil Malta qed jinjoraw il-ħażen li hemm fl-istituzzjonijiet tagħhom stess.
Hawnhekk għamel referenza għall-Ġermanja, li ddeskriviha bħala l-akbar kritikant ta’ Malta, u li sostna li Deutsche Bank huwa magħruf propju għall-ħasil tal-flus.
Huwa nsista li hemm bżonn li Malta tinżamm kemm jista’ jkun nadifa, iżda tevita li tkun masokista u li tmur oltre minn dawk li qed jattakkawha.
“Dwar Brexit ħadd ma jaf x’se jiġri”
Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet, Profs. Mamo diskuta Brexit u l-effett li tista’ tħalli fuq Malta, fejn sostna li s’issa hemm konfużjoni sħiħa u qisu ħadd ma jaf x’se jiġri eżatt.
Madanakollu saħaq li minħabba Brexit hemm setturi partikolari li joperaw f’Londra li se jiġu Malta speċjalment fl-oqsma tal-assigurazzjoni (insurance) u l-Gaming.
Ritratt: Captive Insurance Times