Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel jikkonferma li qed jiġi investigat impjegat

Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina qal ma’ Newsbook.com.mt li l-pulizija ntalbet tinvestiga l-każ tal-impjegat li allegatament seraq €4,000 lill-kumpanija.
Madanakollu għall-bosta mistoqsijiet oħra, iċ-Ċermen qal biss li “għalhekk ikun xieraq li l-investigazzjoni ssir bla preġudizzju u mingħajr kummenti ulterjuri.”
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, l-impjegat ġie sospiż.
Nhar l-Erbgħa, Newsbook.com.mt irrapporta li ġimagħtejn ilu, nitlef envelopp ta’ wieħed mill-bejjiegħa tal-biljetti, li fih kien hemm €4,000. Wara tfittxija ta’ madwar sagħtejn, mill-kameras tas-sigurtà ġie identifikat l-impjegat li ħa l-envelopp.
Newsbook.com.mt kien infurmat li x’ħin inqabad, l-impjegat tal-Gozo Channel, li mhux bejjiegħ tal-biljetti, mar iġib l-envelopp mill-karozza. Dan wara li hu stess kien qed jgħin fit-tfittxija għall-envelopp bil-flus.
Il-maniġment tal-Gozo Channel bagħat għall-impjegat li allegatament seraq il-flus, iżda huwa mifhum li qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu ta’ Newsbook.com.mt, ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tiegħu. Minkejja li l-impjegat inkwistjoni għen lill-impjegati l-oħra jfittxu l-envelopp, x’ħin inqabad qalilhom li kienet ċajta.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna tweġiba għall-mistoqsijiet li bagħat aktar kmieni din il-ġimgħa lill-Ministeru għal Għawdex.