Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel jiċħad li mhux issir manutenzjoni fuq il-vapuri

Iċ-chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li l-vapuri qed issirilhom il-manutenzjoni fejn ikun meħtieġ.
Ma’ Newsbook.com.mt Joe Cordina qal li l-iskeda l-ġdida tal-vapuri hija l-istess bħas-snin preċedenti, għajr il-vjaġġ li żdied dak tal-10:30pm.
Aktar kmieni sorsi ma’ Newsbook.com.mt qalu li bl-iskeda l-ġdida, il-vapuri ma għandhomx ċans jieqfu għall-manutenzjoni.
Ma' Newsbook.com.mt, sorsi qrib il-kumpanija Gozo Channel, spjegaw li l-vapuri qed jieqfu biss għall-greasing
Żiedu jgħidu li eventwalment dan se jwassal biex il-ħsarat jiżdiedu u jiggravaw, bil-konsegwenza li matul l-istaġun tas-sajf, fil-qofol tal-istaġun, issirilhom il-ħsara u jieqfu jaħdmu.
Newsbook.com.mt żvela wkoll li l-kumpanija Gozo Channel għaddejja minn tibdiliet fir-riżorsi umani, li qed jiġu deskritti li “qed ixekklu l-operat u s-servizz.”
Sorsi qrib il-Gozo Channel qalu ma’ Newsbook.com.mt, li min jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex, qed jaffaċċja aktar dewmien u servizz inferjuri, minħabba li qed jingħataw promozzjonijiet, mhux ibbażati fuq il-meritokrazija, imma “lil tal-qalba, b’affiljazzjonijiet politiċi.”