Iċ-Ċermen tal-ERA jitlob deċiżjoni politika mill-Gvern

Iċ-Ċermen tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiak talab lill-Gvern għal direzzjoni politika dwar suġġett relatat mal-Awtorità.

Dokumenti li ra Newsbook.com.mt juru li Axiak inisista mal-Ministru għall-Ambjent José Herrera li bħala Bord qed jistennew “direzzjoni politika ċara b’urġenza” dwar kif l-Awtorità kellha timxi mal-kumpanija WasteServ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Herrera fakkar lill-ERA li hija għandha tkun awtonoma fid-deċiżjonijiet li tieħu fl-istess waqt li stqarr li ma fehemx il-punt għaliex kellha tistaqsi għal direzzjoni politika dwar il-WasteServ. WasteServ ilha mwaqqfa mill-2002 bħala l-operatur tal-aħħar għażla biex tieħu ħsieb l-immaniġjar tal-iskart u tesporta l-iskart f’destinazzjonijiet ‘il barra mill-gżejjer Maltin.

Fl-ittra mibgħuta lill-Ministru Herrera fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda, Axiak jispjega lill-Ministru li bħala Awtorità huma ddiskutew l-estensjoni tal-permessi ambjentali għal-landfills ta’ Żwejra u tal-Għallis. Jgħid iżda li l-WasteServ tant ma kinitx konformi li l-Bord ma setax japprova dawn l-estensjonijiet mingħajr ma jaċċetta dak li qed jiġri f’dawn il-landfills.

Il-problema ewlenija hija li skont l-ERA, Malta tista’ taffaċċja twissijiet u azzjonijiet punittivi mill-Kummissjoni Ewropea minħabba l-immaniġjar tal-iskart.

F’laqgħa mal-Ministru wara li rċieva l-ittra mill-ERA, il-WasteServ spjegaw li l-ERA ma kinitx qed timxi b’mod ekwu mal-operaturi kollha. L-istess sentiment ġie rifless mill-Ministru fl-ittra tiegħu b’risposta lill-ERA fejn ħeġġeġ lill-Bord biex “jimxi bl-istess riga mal-operaturi kollha”.

Herrera jsemmi wkoll li għal diversi drabi, il-Gvern stqarr pubblikament id-direzzjoni politika futura għall-immaniġjar tal-iskart filwaqt li qal li “l-prattiċi preżenti tal-użu tal-landfills mhumiex sostenibbli”. Stqarr li anki l-esportazzjoni tal-iskart solidu kienet studjata u deher li lanqas kienet sostenibbli għalhekk il-Gvern ħareġ bi pjan biex f’Malta jkun hawn impjant li jibdel l-iskart f’enerġija. Semma wkoll diversi inizjattivi li beħsiebu jieħu l-Gvern f’dan il-qasam fosthom il-kollezzjoni tal-iskart organiku, l-introduzzjoni ta’ skema biex jinġabru l-fliexken tax-xorb u l-għeluq tal-impjant ta’ Sant’Antnin.

Il-Ministru jtemm l-ittra tiegħu billi jappella lill-ERA biex taħdem miegħu biex Malta tkun f’pożizzjoni li tibni każ quddiem il-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma taffaċċja penali minħabba l-obbligazzjonijiet dwar il-miri fl-immaniġjar tal-iskart.