“Iċ-ċentru tat-testijiet f’Mater Dei sigur; l-istess miżuri bħaċ-Ċentru tal-Onkoloġija” – MDH

Oncology-Centre-Mater-Dei
Miguela Xuereb

L-Isptar Mater Dei qal li ċ-ċentru tat-testijiet ġol-isptar huwa sigur għax fih qed jittieħdu l-istess prekawzjonijiet li kienu qegħdin jittieħdu ġoċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija m’għadhomx qegħdin isiru swab tests għall-coronavirus, allura l-pazjenti morda bil-kanċer qed ikollhom imorru jagħmlu swab test fiċ-ċentru ġenerali f’Mater Dei, fejn ikun hemm kull xorta ta’ nies.

Din is-sitwazzjoni qanqlet reazzjoni mingħand mara li żewġha qed jiġġieled kontra l-kanċer. Hija qalet li hija inġustizzja li waqt pandemija, dawn il-pazjenti qed ikollhom jagħmlu swab test fiċ-ċentru ta’ Mater Dei, flimkien mal-kumplament tan-nies, u b’hekk ‘jitħalltu’ magħhom.

Kelliema għall-Isptar Mater Dei infurmat lil Newsbook.com.mt li ċ-ċentru tal-iswab tests f’Mater Dei qed jiffunzjona taħt is-superviżjoni ta’ tabiba, u li l-prekawzjonijiet li kienu jittieħdu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija għadhom qed jittieħdu f’dan iċ-ċentru.

Spjegat li kull min jagħmel swab test irid josserva l-liġijiet tad-distanza soċjali.

Ġimgħa ilu, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet lil Newsbook.com.mt li dawn il-pazjenti jistgħu jibqgħu fil-karozza biex jagħmlu t-test u li s-sigurtà tagħhom hija garantita.

Taħseb li ċ-ċentru tal-iswab tests f’Mater Dei huwa sigur?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.