Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid jidħol fil-fażi ta’ konsultazzjoni

Il-proġett taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid imissu jidħol fil-fażi ta’ konsultazzjoni, hekk kif il-pjanti kollha ġew ippreżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li mistennija jibbenefikaw madwar 140,000 ruħ mill-bini tal-Paola Hub li se jiġbor taħt saqaf wieħed diversi kliniċi speċjalizzati u se jkun punt ta’ riferiment mediku għal dawk li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta. 
Se jkun hemm klinika għad-dijabete, għad-dimensja, anti coagulation clinic fejn isir it-test tal-warfarina, u klinika tad-dentistrija, fost oħrajn.
Servizzi oħra li se jkun qed joffri l-Paola Hub huma tal-oftalmoloġija, fiżjoterapija, rijabilitazzjoni u servizzi relatati ma’ kundizzjonijiet fit-taħdit u l-lingwa.
Dan iċ-ċentru se joffri wkoll servizzi ta’ emerġenza u se jkollu teatru tal-operazzjonijiet għal dawk minuri, kif ukoll servizz ta’ ambulanza.