Iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex se jitlesta sentejn tard

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex se jinfetaħ sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Dan tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid se jissostitwixxi dak eżistenti li huwa meqjus żgħir wisq. Dan kien ġie mwiegħed li se jitlesta fl-2019.

Il-Ministru qal li x-xogħlijiet fuq il-binja li tinsab ħdejn il-bus terminus jinsabu fi stat avvanzat. Spjega li t-tenders għall-kostruzzjoni tal-lifts, tal-generators kif ukoll tal-apparat mediku ntrebħu.

Dr Ellis talab ukoll lil Fearne biex jispjega għaliex it-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa eżistenti fir-Rabat m’għadux jattendi billejl fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Id-Deputat Prim Ministru wieġeb li ladarba jitlesta x-xogħol fuqu, iċ-ċentru se jkun qed jinfetaħ 24 siegħa kuljum.

Ilbieraħ, waqt il-ħinijiet tal-mistoqsijiet, il-Ministru Fearne ħabbar li l-Gvern laqa’ t-talba li saritlu biex jinfetaħ ċentru tas-saħħa kompletament ġdid fl-Ibraġġ. Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Laburista Jean Claude Micallef dwar l-aħħar ċentru tas-saħħa nawgurat f’ Ħal Għaxaq.

Il-Ministru semma’ ukoll li fix-xhur li għaddew infetħu żewġ ċentri ġodda kemm fil-Fgura kif ukoll fil-Belt Valletta.