“Iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid se jissemma għal Moran”

Il-Kamra tad-deputati sellmet il-memorja tat-tabib Vincent Moran li miet fl-20 ta’ Novembru li għadda. Il-Parlament ippubblika ktejjeb bl-ewwel diskors tiegħu fil-kamra tad-deputati li seħħ fi Frar 1962.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li ċ-ċentru tas-Saħħa l-ġdid li se jinbena f’Raħal il-Ġdid se jissemma għalih. Fearne qal li Moran li serva fil-parlament bejn 1962 u 1996 se jibqa’ mfakkar bħala l-missier tal-kura primarja u kien il-moħħ wara l-ispeċjalizazzjoni fil-kura tat-tfal u t-tqala u l-bini tal-Isptar Karen Grech. Huwa qal li Moran baqa’ attiv bħala tabib sa sentejn ilu.

“Iz-ziju se jerġa’ jgawdi lil martu Maggie” – Silvio Grixti

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li Moran kien ħabib kbir tad-deputat Laburista l-mibki Karl Chircop. Id-deputat Laburista Silvio Grixti, in-neputi tat-tabib Moran, qal li issa z-ziju kien qed jerġa’ igawdi lilll-mara tiegħu Maggie.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ukoll sellem il-memorja ta’ Ċensu Moran u qal li l-aħjar persuna li ddeskrivha lil Moran kien l-Eks editur tal-gazzetta tal-Mument Victor Camilleri f’silta ppubblikata lbieraħ.