Iċ-Ċentru Marittimu mistenni jinkludi t-tiswijiet tar-rigs taż-żejt

Sorsi qrib Kastilja sostnew ma’ Newsbook.com.mt li l-Gvern jinsab inklinat li l-proġett taċ-Ċentru Marittimu fl-eks Shipbuilding fil-Marsa jinbidel f’post b’potenzjal li jattira lejh investiment mill-industija taż-żejt u l-gass.
Is-sorsi qalu li peress li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran, iċ-Ċentru Marittimu jista’ jservi sabiex jiġi attirat investiment ġdid speċjalment bħal tiswijiet u xogħlijiet fuq rigs taż-żejt.
Dan mistenni li jġib miegħu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol b’taħriġ speċjalizzat.
Ekonomisti internazzjonali qed ibassru wkoll li s-suq taż-żejt b’mod partikolari fl-Afrika ta’ Fuq mistenni li jerġa’ jikber fix-xhur li ġejjin, speċjalment jekk il-Libja terġa’ tibda tesporta ż-żejt fuq l-istess livelli ta’ qabel ir-Rebbiegħa l-Ġdida.
Sal-lum it-Taqsima tal-Privatizazzjoni rċeviet 28 espressjoni ta’ interess minn investituri Maltin u barranin għaċ-Ċentru Marittimu.
11 minn dawn is-sottomissjonijiet jinvolvu l-iżvilupp tas-sit kollhu tal-eks Shipbuilding.
Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin, it-Taqsima tal-Privatizazzjoni tħabbar ir-riżultati biex dawk magħżula jissottomettu l-proġetti finali tagħhom.